Inwittu t-triq għal azzjoni konkreta
Il-Ħamis, 1 ta’ Frar 2024, iċ-ċittadini tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar id-Dinjiet Virtwali reġgħu ngħaqdu għal avveniment ta’ feedback online. Ir-rappreżentanti tal-Kummissjoni spjegaw l-impatt kontinwu tar-rakkomandazzjonijiet tal-Panel - l-istabbiliment tal-pedamenti għal azzjoni konkreta u l-ġenerazzjoni ta’ interess internazzjonali. B’mod partikolari, diversi rakkomandazzjonijiet tal-Panel ġew riflessi fil-komunikazzjoni ta’ Lulju 2023 “Inizjattiva tal-UE dwar il-Web 4.0 u d-dinjiet virtwali: vantaġġ inizjali fit-tranżizzjoni teknoloġika li jmiss”.
Is-sett sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet jinsab fit-taqsima tad-dokumenti ta’ hawn taħt.
23 rakkomandazzjoni għal dinjiet virtwali ġusti u ffukati fuq il-bnedmin fl-UE
Mill-21 sat-23 ta’ April, il-Kummissjoni ospitat is-sessjoni tal-għeluq tal-Panel taċ-Ċittadini Ewropej dwar id-Dinjiet Virtwali fi Brussell, li ppermettiet liċ-ċittadini jagħmlu rakkomandazzjonijiet dwar il-valuri u l-azzjonijiet meħtieġa biex jinħolqu dinjiet virtwali Ewropej attraenti u ġusti. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jappoġġjaw il-ħidma tal-Kummissjoni dwar id-dinjiet virtwali u l-futur tal-internet.
Wara tliet tmiem il-ġimgħa ta’ deliberazzjonijiet, iċ-ċittadini għamlu 23 rakkomandazzjoni dwar l-aspettattivi għall-prinċipji u l-azzjonijiet biex jiġi żgurat li d-dinjiet virtwali fl-UE jkunu ġusti u rilevanti għaċ-ċittadini. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet huma strutturati madwar tmien valuri u prinċipji: il-libertà tal-għażla, is-sostenibbiltà, l-iffukar fuq il-bnedmin, is-saħħa, l-edukazzjoni, is-sikurezza u s-sigurtà, it-trasparenza u l-inklużjoni.
Is-sett sħiħ ta’ rakkomandazzjonijiet jinsab fit-taqsima tad-dokumenti ta’ hawn taħt.
Liema viżjoni, prinċipji u azzjonijiet għandhom jiggwidaw l-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali mixtieqa u ġusti?
Ħafna nies jemmnu li d-dinjiet virtwali, magħrufa wkoll bħala l-metaversi, jafu jġibu bidla li tista’ titqabbel mal-wasla tal-internet u se jittrasformaw il-mod kif naħdmu u ninvolvu ruħna ma’ xulxin fil-futur. F’dawn l-aħħar ftit snin - u b’mod partikolari mill-pandemija tal-COVID-19 ’l hawn - bosta atturi pubbliċi u privati bdew jinvestu b’mod massiv f’dawn l-hekk imsejħa “realtajiet estiżi u awmentati”, b’bidliet aktar rapidi fil-postijiet tax-xogħol u d-drawwiet tagħna.
Minkejja din iż-żieda fl-attenzjoni, trasformazzjoni bħal din mhux se sseħħ mil-lum għall-għada. Id-Dinjiet Virtwali se jieħdu ħafna snin biex jiżviluppaw f’ambjent diġitali realistiku u ta’ kwalità għolja, u għad m’hemmx stampa ċara ta’ x’jistgħu u x’għandhom isiru l-metaversi.
L-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati li jisfruttaw il-potenzjal ta’ din it-trasformazzjoni, jifhmu l-opportunitajiet tagħha, iżda wkoll ir-riskji u l-isfidi li toħloq, filwaqt li jissalvagwardjaw id-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej. Il-Kummissjoni Ewropea għalhekk iddeċidiet li tlaqqa’ panel taċ-ċittadini biex jifformula rakkomandazzjonijiet għall-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali.
Skopri aktar fis-sett ta’ informazzjoni li hu disponibbli fit-taqsima tad-dokumenti hawn taħt.
X’kien l-eżitu tal-Panel?
L-eżitu tal-panel hu sett ta’ prinċipji ta’ gwida u azzjonijiet għall-iżvilupp ta’ dinjiet virtwali fl-UE, ibbażati fuq l-esperjenzi, il-perċezzjonijiet u x-xewqat taċ-ċittadini għall-futur. Dan jieħu l-forma ta’ rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni Ewropea biex jikkontribwixxu għal inizjattiva dwar is-suġġett.
Skeda taż-żmien
Is-sessjonijiet tal-panel dwar id-dinjiet virtwali saru bejn Frar u April 2023.
- 24-26 ta’ Frar 2023Sessjoni 1 - Brussell
Fl-ewwel sessjoni, il-parteċipanti bnew viżjoni kondiviża ta’ kif għandhom ikunu d-dinjiet virtwali mixtieqa u ġusti.
Jekk jogħġbok ara s-sommarju tas-sessjoni fit-taqsima tad-Dokumenti hawn taħt.
- 10-12 ta’ Marzu 2023Sessjoni 2 - online
Fit-tieni sessjoni, il-parteċipanti identifikaw, iddiskutew u pprijoritizzaw il-valuri u l-prinċipji li għandhom jiggwidaw l-iżvilupp tad-Dinjiet Virtwali, u bdew jesploraw oqsma ta’ azzjonijiet biex din il-viżjoni ssir realtà.
L-aġenda ddettaljata tinsab fit-taqsima tad-Dokumenti hawn taħt.
- 21-23 ta’ April 2023Sessjoni tal-għeluq - Brussell
Is-sessjoni tal-għeluq issottomettiet il-konklużjonijiet tad-dibattiti, flimkien mar-rakkomandazzjonijiet tal-panels, lill-Kummissjoni Ewropea. Il-lista finali ta’ rakkomandazzjonijiet tinsab fit-taqsima tad-dokumenti ta’ hawn taħt.