Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Pjattaforma għall-Involviment taċ-Ċittadini
  • 4 Ġunju 2025

Il-fażi tat-tiswir tal-viżjoni: nimmaġinaw futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali

Issa li qed ngħaddu għall-fażi tat-tiswir tal-viżjoni, nistednuk timmaġina kif jista’ jkun futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali. L-istejjer tiegħek jistgħu jgħinu biex tissawwar viżjoni kollettiva.

Immaġina soċjetà fejn il-fehim, l-empatija, u l-kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet jagħtu l-ħajja lill-komunitajiet tagħna. Din l-inizjattiva hija aktar minn sempliċiment konsultazzjoni; hija vjaġġ lejn futur possibbli msawwar minn stejjer mimlija ispirazzjoni ta’ kollaborazzjoni u solidarjetà. Sir in-narratur u rrakkontalna esperjenzi ġodda u possibbli ta’ kif wieħed jista’ jgħix f’dinja kkaratterizzata mill-ekwità interġenerazzjonali. L-istejjer tiegħek se jkunu ta’ motivazzjoni għal ħaddieħor biex nibnu legat dejjiemi għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Viżjonijiet kollettivi: Għaliex l-istejjer tiegħek huma importanti?

Se nirreaġixxu għall-istejjer tiegħek u se nagħmlu użu minnhom. Permezz tal-esperjenzi u l-għarfien differenti, se nkunu nistgħu niżviluppaw politiki u inizjattivi bil-għan li nrawmu rabtiet aktar b’saħħithom bejn il-ġenerazzjonijiet u niżguraw futur aktar ekwu għal kulħadd, anke għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. 

It-timijiet ta’ koalizzjoni, li jinkludu persuni kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll minn barra minnha, qed jaħdmu wkoll flimkien biex jesploraw kif jista’ jkun futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali fl-oqsma ewlenin identifikati fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu. Fl-aħħar ta’ Ġunju, se niġbru l-istejjer tagħhom, tiegħek, u ta’ dawk li ħarġu waqt workshops oħra, biex flimkien noħolqu viżjoni komuni għall-futur. Bil-għajnuna ta’ kittieba professjonali, se niżguraw li l-aktar stejjer ta’ ispirazzjoni li qsamt magħna jitqiegħdu fuq quddiem nett.

Nibnu fuq ir-riżultati tal-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu, Nikkonsultaw il-linji gwida dwar ir-rakkontar tal-istejjer, u Nispiraw ruħna mill-eżempji viżivi tagħna!

Biex niżguraw li l-viżjoni tiegħek issawwar l-istrateġija, nistednuk tuża s-sommarju tar-riżultati mill-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu bħala punt tat-tluq. B’dan il-mod, tista’ timmaġina futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali li jindirizza l-kwistjonijiet ewlenin identifikati. Pereżempju:

  • Soċjetà li tagħti prijorità lir-riflessjonijiet fit-tul billi tintegra l-ġenerazzjonijiet futuri fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet.
  • Sistema ta’ governanza li tirrappreżenta tassew il-ħtiġijiet ta’ kulħadd, li tinvolvi b’mod attiv il-vuċijiet taż-żgħażagħ u tal-anzjani biex titrawwem demokrazija u koeżjoni soċjali aktar inklużivi.
  • Futur fejn il-kollaborazzjoni interġenerazzjonali tindirizza t-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali, filwaqt li tiżgura pjaneta sostenibbli għal kulħadd.
  • Dinja li fiha s-solidarjetà interġenerazzjonali toħloq soċjetà aktar ekwa, li tiżgura l-koeżjoni soċjali u l-aċċess għal servizzi essenzjali bħall-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, u t-teknoloġija diġitali għal kull faxxa ta’ età.

Dawn huma biss uħud mill-ħafna stejjer possibbli li tista’ toħloq billi tiffoka fuq il-kawżi ewlenin u l-oqsma ta’ azzjoni identifikati fil-fażi tad-definizzjoni tal-ambitu.

Tista’ tikkonsulta l-linji gwida tagħna dwar ir-rakkontar tal-istejjer biex tagħti l-ħajja lill-viżjonijiet tiegħek. Dawn jissuġġerixxu tekniki, bħall-Vjaġġ tal-Eroj, li juruk kif iseħħu t-trasformazzjoni u l-kollaborazzjoni, filwaqt li jispirawk timmaġina futur fejn il-ġenerazzjonijiet kollha jirnexxu flimkien. 

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, biex tqanqal l-immaġinazzjoni tiegħek u tispira ruħek, ikkunsidra l-eżempji li ġejjin. Dawn huma eżempji viżivi miktuba mill-Blue Book Trainees tal-Kummissjoni Ewropea, li wrewna kif jista’ jkun futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali:

Inħeġġuk tagħti sehmek billi tħalli l-ideat tiegħek dwar dawn l-istejjer jew tikkontribwixxi bi storja tiegħek stess. Kull għamla ta’ storja hi aċċettabbli, sakemm tkun tirrifletti l-viżjoni tiegħek ta’ futur ikkaratterizzat mill-ekwità interġenerazzjonali u ma taqbiżx l-1,000 karattru. Jekk tixtieq ukoll taqsam l-istejjer tiegħek online, jekk jogħġbok żid #OurFutures magħhom.

Il-fażijiet li jmiss: Ideat Strateġiċi u Kokreazzjoni

Dawn il-viżjonijiet kollettivi se jkunu l-punt tat-tluq għall-fażi li jmiss fil-proċess tagħna “Ideat strateġiċi” (Settembru – Ottubru), fejn se nirriflettu dwar l-azzjonijiet konkreti li rridu nwettqu biex il-viżjonijiet li bnejna u qsamna b’mod kollettiv isiru realtà.

Suġġerimenti u l-Pjattaforma OurFutures

Jekk għandek xi ideat jew suġġerimenti biex intejbu l-proċess tagħna, nixtiequ nisimgħu mingħandek. Tista’ tikkuntattjana fuq JRC-INTERGENERATIONAL-FAIRNESSatec [dot] europa [dot] eu (JRC-INTERGENERATIONAL-FAIRNESS[at]ec[dot]europa[dot]eu).

Forsi għandek ideat oħra dwar kif jista’ jkun futur mixtieq għall-Ewropa, lil hinn mil-lenti tal-ekwità interġenerazzjonali. Jekk iva, nistednuk taqsam il-viżjoni tiegħek fuq il-pjattaforma OurFutures. Dawn l-istejjer jiġu riveduti u analizzati regolarment biex jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika jifhmu x’inhu l-aktar importanti għaċ-ċittadini u x’għandu jingħata prijorità fl-aġenda politika.

Ingħaqad magħna f’dan il-vjaġġ eċċitanti biex toħloq futur aktar ekwu għall-ġenerazzjonijiet kollha. Il-vuċi tiegħek tgħodd, u flimkien nistgħu nibnu legat li bis-saħħa tiegħu jibbenifika kulħadd.